Ix-xewqa li nsir saċerdot nibtet fija meta kont għadni żgħir. Kien proċess interessanti u issa nista’ nara x’kien il-pjan t’Alla fuqi. Ġara li wieħed minn sħabi laqqagħni mal-ispiritwalità tal-unità kif mgħejxa fil-Moviment tal-Fokolari. Il-ħajja flimkien maż-żgħażagħ u l-komunità tal-Moviment, ġibditni lejn it-tagħlim tal-Knisja u biex nieħu sehem fis-sagramenti. Skoprejt kemm hija importanti l-unità fil-Knisja u xtaqt naħdem b’ħilti kollha għal dan il-għan u għal dinja magħquda.

Niftakar qisu lbieraħ meta kont qed nirranġa l-kamra qabel ma noħroġ u ħassejt il-ġibda li nagħti kollox lil Alla, li nitlef il-programmi u l-proġetti tiegħi biex nimxi warajH. Ħassejt li kienet l-isbaħ ħaġa li stajt nagħmel b’ħajti anki jekk kelli quddiemi professjoni promettenti u ħajra kbira li nibni relazzjoni serja ma’ tfajla.

Qsamt din l-esperjenza mad-direttur spiritwali tiegħi u ħajjarni nattendi skola ta’ formazzjoni f’Ruma biex nifhem aħjar dak li ħassejt. Malajr għedt iva u xahar wara kont qiegħed Ruma flimkien ma’ żgħażagħ oħra mid-dinja kollha. Kien mument sabiħ ħafna u xtaqt li ma jgħaddi qatt. Ġewwa fija ħassejt ġibda għal vokazzjoni radikali imma ma kontx għadni naf x’inhi. Kull filgħaxija kont immur quddiem it-tabernaklu biex nitlob ’l Alla jurini t-triq. Għalkemm kont nitlob u nitlob, bqajt ma fhimt xejn. Niftakar l-aħħar żjara f’din il-kappella fejn għedt lil Ġesù: jiena nafda fik u dak li tgħidli nagħmlu għax inti tafni ferm iktar milli naf lili nnifsi jien.

L-għada kont l-ajruport u qattajt il-ġurnata sħiħa nipprova nsib post fuq ajruplan lura għal Malta. Anki jekk bqajt l-art u lanqas kelli l-flus biex noqgħod f’lukanda, f’qalbi kelli paċi u ferħ kbir. L-għada, kompla t-taħbit biex insib post u f’ħin minnhom inġbart f’rokna biex ngħid ir-rużarju fil-kwiet. F’daqqa waħda, bla mistenni, ħassejt l-istedina ta’ Marija sabiex nimxi wara binha. Mill-ewwel għedt iva u ħaġa tal-iskantament sibt post fuq l-ajruplan li jmiss. Kelli l-impressjoni li l-passiġġiera kollha kienu bħal ħuti tad-demm u l-laħam.

Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u wasalt id-dar għal xis-sagħtejn, fil-ħin biex nagħżel immurx jew le għall-funzjoni tat-tlieta ta’ waranofsinhar. Iddeċidejt li negħleb it-tentazzjoni li nistrieħ biex inkebbes fija dik il-grazzja u anki għaliex il-bewsa tas-salib kienet importanti ħafna.

Wara li qsamt din l-esperjenza mad-direttur spiritwali, bdiet avventura ġdida. Malli lestejt mill-istudji fl-Università ta’ Malta, tlaqt għall-formazzjoni tiegħi bħala fokolarin f’belt ċkejkna viċin Firenze jisimha Loppiano. Wara sentejn ta’ formazzjoni, ġejt mitlub immur l-Asja fejn qattajt tmintax-il sena. Dawn l-aħħar erbatax-il sena qattajthom f’Ruma fiċ-Ċentru tal-Moviment tal-Fokolari u issa qiegħed inħejji ruħi biex niġi ordnat saċerdot.