Kien il-bidu tas-snin sebgħin. Forsi kelli tliet snin. Ommi kienet teħodni l-quddiesa kull filgħodu, fil-knisja parrokkjali ta’ Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien. Kien għadu ż-żmien meta l-qassis kien iqaddes b’wiċċu lejn l-altar. Kien jaħkimni sens ta kurżità għal dak li kien qed jagħmel il-qassis fuq l-altar – kultant jitlob minn taħt l-ilsien u daqqiet oħra jagħmel inkin. Kont nissaħħar. Il-qassis kien qisu qiegħad jagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn!

Ommi baqgħet tqajjimni għall-quddiesa kull filgħodu. Ma kinitx taqbeż ġurnata – xitwa jew sajf – biex tqajjimni għal tas-sitta. Kont sikwit ngħin il-quddiesa, kważi kuljum. Barra minn hekk, l-għaqda tal-abbatini kienet organizzata sewwa. Kien ikollna laqgħat kull ġimgħa mad-direttur tal-abbatini. Kull xahar kien jiġi Dun Frans Bonnici (li kien id-direttur taċ-ċentru tal-vokazzjonijiet) u jkellimna fuq is-saċerdozju.

Wara l-Griżma tal-Isqof bqajt nattendi l-M.U.S.E.U.M. Kont inħossni qisni qiegħed id-dar. Il-prefett kultant kien jagħtina nagħmlu lezzjoni jew nippreżentaw il-ħajja ta’ xi qaddis. Kien żmien fejn tgħallimt ħafna fuq il-fidi. Imma meta kont nimxi lura d-dar mill-M.U.S.E.U.M. kien ikolli ngħaddi minn triq fejn kien ikun hemm klieb daqsxejn slavaġ. Kont nibża’ għax kienu kbar u dejjem jidhru irrabjati. Kif noħroġ mill-M.U.S.E.U.M. kont nibda nitlob f’qalbi li ma niltaqax magħhom. It-talb tiegħi kien jinstema’. Qatt ma messewni. Kont nixtieq li kelli l-kelb Grigio bħalma kellu San Ġwann Bosco – li fuqu kienu jgħallmuna ħafna l-M.U.S.E.U.M. – biex ikeċċi lil dawk il-klieb. Imma naħseb li Dun Bosco kien jaqbeż għalija xorta!

L-iskola ma kontx sejjer tajjeb. Kont il-Liċeo Vassalli. Ma stajtx nibqa’ nattendi dik l-iskola wara li rrepetejt il-Form II. Missieri kien qed jitkellem mas-surmast ta’ Savio College u qallu li jekk ngħaddi mill-eżami jdaħħalni Form III. Żgur miraklu kien li għaddejt. L-iskola għoġbitni. Kont inħossni qisni d-dar. Fl-istess ħin kont nattendi l-laqgħat tal-vokazzjonijiet ta’ kull xahar fis-Seminarju Tal-Virtù r-Rabat. Dun Frans Bianco kien direttur spiritwali tiegħi u kien għenni nagħżel bejn ħajja bħala qassis djoċesan u qassis reliġjuż. Imma llum nagħraf li s-saċerdozju huwa għażla ta’ kuljum.