Ikolli ngħid li onestament ma nħossx li x-xjenza u l-istudju tagħha għenuni wisq fid-dixxerniment jew tfittxija tal-vokazzjoni tiegħi imma għenuni fuq kollox nikkonferma l-fidi tiegħi f’Alla Ħallieq u li nagħraf kemm hu kbir u fl-istess ħin misteru li qatt ma nistgħu nifhmuh għal kollox.

Meta tħares lejn ċerti proċessi fin-natura, bħalma hi l-multiplikazzjoni taċ-ċelloli f’embrijun u kif ċelloli differenti jibdew jieħdu funzjonijiet differenti, jew kif tinfetaħ warda, jew meta tara l-immensità tal-galassji f’xi ritratt meħud mit-teleskopju Hubble, naħseb diffiċli ħafna li wieħed ma jistaqsix lilu nnifsu hemmx ħallieq wara dan kollu u kemm b’analoġija għandu jkun kbir u misterjuż ladarba l-ħolqien huwa daqshekk kbir u misterjuż. L-istess mistoqsija naħseb li tiġi meta wieħed jiskopri li l-imsejjaħ “numru tad-deheb” jinsab b’mod preċiz f’tant affarijiet fin-natura, bħalma huma ċerti fjuri, il-qxur tal-bebbux, u saħansitra l-forma ta’ galassji sħaħ. Dawn l-affarijiet kollha u li x-xjenza spiss tispjega kif jaħdmu, imma mhux faċli tispjega għaliex jaħdmu hekk, lili jkomplu jikkonvinċuni fil-preżenza ta’ Alla ħallieq u tajjeb. Fil-fatt, bħalma kien jaħsibha San Albert il-Kbir: “id-dinja kollha hi teoloġija [jiġifieri titkellem fuq Alla], għax is-smewwiet iħabbru l-glorja t’Alla”. F’dan is-sens, anki lili, ix-xjenza tgħinni nissaħħaħ fil-fidi u viċiversa, b’tali mod li waħda ma tmurx kontra l-oħra. Nittama għalhekk li l-istudju tax-xjenzi jkunu jistgħu jgħinuni wkoll fit-tfassil ta’ djalogu onest ma’ min ma jemminx.

Xi ħaġa li l-osservazzjoni tan-natura għallmitni u li nittama nibqa’ ngħożż fil-futur hija l-importanza li ma ngħaġġilx fil-ministeru saċerdotali tiegħi man-nies. Bħalma siġra b’saħħitha taż-żebbuġ (u mhux biss) iddum medda ta’ snin biex tikber u timmatura, hekk il-persuni jirrikjedu ħafna paċenzja u żmien biex jikbru u jimmaturaw u wieħed għandu jirrispetta l-mixja u l-processi tagħhom. In-natura wkoll tgħallimni kemm il-ħajja tagħna hi qasira u f’ċertu sens insinjifikanti, meta mqabbla mal-proċessi tal-ħolqien ta’ xi muntanja jew tad-dinja. Fl-istess ħin, dan il-ħsieb ma nħossx li jneħħili l-entużjażmu biex nagħmel il-parti tiegħi għat-twaqqif tas-Saltna t’Alla u ngħid iva għas-sejħa għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali b’ferh u żelu. Imma min-naħa l-oħra nittama li dan il-ħsieb jgħinni nżomm saqajja mal-art; niftakar li jiena kreatura u li ma naħsibx li għandi s-saħħa nbiddel id-dinja, imma li sempliċiment nagħmel l-almu tiegħi u mbagħad nħalli f’idejn il-Missier u l-ħallieq ta’ kollox.