Għalija, il-komunikazzjoni tax-xjenza hi importanti ħafna. Permezz tax-xjenza nista’ napprezza l-ħolqien kollu, ibda mill-iżgħar ħlejqa, batterju jew virus, sal-akbar annimal. Jien ukoll bugħaddas u għalhekk nista’ nittawwal u nesplora mkejjen li ħafna qatt ma raw jew esperjenzaw. Nista’ allura napprezza aktar għax rajt aktar. Bl-għajnejn tax-xjenza nista’ nitpaxxa bis-sempliċità u l-kumplessità ta’ dak li hu madwari. Bl-istess mod, nista’ nifhem ukoll u napprezza l-liġijiet li jiggvernaw il-ħolqien. Dan kollu jgħinni nara l-pożizzjoni tiegħi f’dan il-ħolqien. Ix-xjenza, għalhekk, fetħitli l-orizzonti tiegħi beraħ.

Permezz tax-xjenza nista’ nifhem aħjar kemm hu importanti li nieħdu ħsieb xulxin u tal-ambjent ta’ madwarna. Bl-istess mod nasal biex nifhem aħjar xi tfisser li bħala bnedmin għandna d-dmir li namministraw il-ħolqien li Alla fdalna f’idejna. Issa meta xi ħadd jafdalek xi ħaġa jistenna li tieħu ħsiebha u tħaddimha bil-għaqal… Inkella għaliex ikun fdaha lilek?

Għalhekk, ix-xjenza tfittex li tifhem aktar il-ħolqien biex b’hekk tamministrah aħjar. Permezz ta’ dan it-tiftix xjentifiku naslu wkoll biex insibu soluzzjonijiet għall-problemi li jinqalgħu madwarna jew li xi kultant noħolqu aħna stess. Ix-xjenza tgħinni nagħraf u niċċelebra l-passi żgħar li bihom il-bniedem inqala’ mill-għerien u żviluppa il-lingwa, il-mediċina, it-teknoloġija u l-għarfien kollu li wassalna sal-ġurnata tal-lum, u dak li qed iwassalna fil-futur.

Ix-xjenza wkoll fetħitni għall-mistoqsijiet. Fix-xjenza wieħed jistaqsi ħafna sabiex ikun jista’, bil-mod il-mod, ifittex risposti għal dak li ma jafx u jsaħħaħ dak li jaf. Għalhekk, għallmitni wkoll nistaqsi dwar Alla… Imma, għad li x-xjenza ma setgħetx tagħtini dawk ir-risposti, bl-istess entużjażmu bqajt infittex sakemm Alla ltaqa’ miegħi fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza. Għaldaqstant kienet ix-xjenza li qarrbitni lejn Alla u lejn l-iskoperta tal-vokazzjoni.

Bl-istess enerġija li biha mxejt mix-xjenza għall-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza sabiex inkun nista’ naqsam ma’ ħafna l-ferħ tal-iskoperti u l-għarfien xjentifiku permezz tax-xandir, ta’ xows tax-xjenza u taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza. l-Esplora, issa wasalt ukoll biex naqsam il-ferħ tal-iskoperta t’Alla u tas-sejħa tiegħu… Fil-każ tiegħi, is-sejħa għas-saċerdozju.