Tista’ tħares lejn l-età bħala xkiel … tikber fl-età, ‘tispiċċa’ mix-xogħol (toħroġ bil-pensjoni), tonqoslok l-enerġija u jista’ faċilment jibda jdejqek kollox. L-agħar xenarju li nara jien huwa li meta tikber, hemm tentazzjoni kbira li ssir ċiniku. Kull inizjattiva li jieħu ħaddieħor taraha li mhix tajba: “Dik diġà ppruvajnieha ‘fi żmieni’ u ma rnexxietx!” Periklu kbir ieħor huwa li taħseb li għax inti għandek l-esperjenza u ġarrabt, is-soċjetà għandha toqgħod għalli tgħidilha int!

Tista’ mbagħad tħares lejn l-età bħala opportunità, bħala maturità, bħala żmien meta wieħed jista’ jkompli jaqta’ mill-famuża bucket list! Min-naħa tiegħi, lejn l-aħħar tal-karriera tiegħi u fil-bidu tal-pensjoni sifirt ħafna. Id-destinazzjonijiet favoriti tiegħi jibqgħu l-Iżvizzera speċjalment l-Alpi, u l-Black Forest fil-Ġermanja.

Ma nistax ngħid li l-età fixklitni wisq fejn tidħol il-vokazzjoni saċerdotali. Probabbli iktar fixklet lis-superjuri tiegħi li kellhom jieħdu d-deċiżjoni iebsa jekk lil dan il-pensjonant (kelli 62 sena meta bdejt il-formazzjoni) kellhomx il-kuraġġ jagħtuh il-go-ahead biex jibda l-mixja saċerdotali.

Definittivament, allura, l-età ma kinitx xkiel. Lili għenuni ħafna xi deċiżjonijiet li ħadu s-superjuri tiegħi dwari. Għall-bidu kien hemm il-ħsieb li jibagħtuni nistudja l-Kulleġġ ta’ Beda ġewwa Ruma. Għall-grazzja t’Alla ttieħdet id-deċiżjoni li nagħmel kors speċjali l-Università ta’ Malta, nibqa’ ngħix id-dar mal-familja tiegħi u nitla’ s-Seminarju bi programm imfassal mir-Rettur. Id-dar stajt inkompli nakkumpanja lit-tfal fil-ħajja tagħhom. Fir-raħal fejn ngħix, f’Ħal Safi bnejt iktar relazzjonijiet mal-kappillan u l-komunità li akkumpanjawni fil-mixja vokazzjonali tiegħi. Is-Seminarju stajt insir naf aktar lill-kollegi li wara kollox, magħhom se nkun qed niltaqa’ fil-ħidmiet pastorali tiegħi. Ma nistax ma nkunx grat għall-mod kif il-formators u d-direzzjoni tas-Seminarju u s-seminaristi, u b’mod speċjali sħabi tas-sena tiegħi, tawni eżempji mill-aqwa ta’ spiritwalità, u qasmu miegħi l-mixja tagħhom. Lili qisuni bħala wieħed minnhom għalkemm kemxejn differenti minnhom minn diversi aspetti. Dan lili għenni immens.