paul spiteri sdb

Personalment nemmen li waħdi qatt ma kont inkun kapaċi nasal għal dan il-pass u kienu ħafna l-esperjenzi sbieħ li wassluni għal fejn qiegħed illum. L-ewwel u qabel kollox il-familja li kienet importanti biex nikber iktar fil-ħajja Kattolika (quddiesa kuljum, rużarju eċċ). Insemmi wkoll il-formazzjoni li rċivejt anki meta kont żgħir: fil-mużew, l-abbatini u l-iskola, speċjalment dik sekondarja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi.

Meta mbagħad iltqajt mas-Salesjani, mill-ewwel laqtuni. Is-sens ta’ familja li għandhom bejniethom bħala Salesjani u l-ambjent li joħolqu maż-żgħażagħ huwa xi ħaġa li diffiċli tispejgah. Apparti l-mixja personali ta’ direzzjoni spiritwali u dixxerniment li ma tistax tgħaddi mingħajrha, minn meta iltqajt mas-Salesjani minn dejjem kont nirċievi ħafna formazzjoni fil-grupp taż-żgħażagħ. Dan ifisser li minbarra li konna leaders u qed ngħinu lis-Salesjani fil-proġetti tagħhom bħal summer camps, summer schools, fun days, Ħbieb Domenico Savio eċċ – għax is-Salesjani jaħdmu maż-żgħażagħ u mhux biss għaż-żgħażagħ – konna dejjem qegħdin f’mixja ta’ formazzjoni. Konna nagħmlu kull tip ta’ formazzjoni: kemm dawk prattiċi (eż fuq kreattivita, fuq leadership, eċċ) kif ukoll formazzjoni Kristjana (eż: lectio divina darba fix-xahar, żewġ irtiri matul is-sena eċċ). Dawn kollha għenuni biex inkompli nagħraf iktar xi jrid minni l-Mulej. Xi ħaġa sabiħa li kont inħoss f’din il-formazzjoni kienet li ma kinitx formazzjoni biex insiru Salesjani imma kienet formazzjoni biex aħna nikbru, insiru persuni aħjar, u nagħrfu iktar xi jrid minna l-Mulej. Hija xi ħaġa importanti li minbarra li jkollok formazzjoni bħala grupp, li mill-istess grupp joħorġu tipi differenti ta’ vokazzjonijiet differenti: Salesjani, saċerdoti u anke koppji miżżewġin li llum il-ġurnata huma miżżewġin u għadna f’kuntatt magħhom.