X’inhu l-pass li jmiss? Mhux li ġġib l-A Levels u tibda kors l-università? Dan huwa proċess awtomatiku u hekk kont nara lili nnifsi li se nagħmel meta kelli sbatax-il sena; anzi kelli diversi pressjonijiet biex nagħmel hekk. Nistqarr li s-suġġetti li kelli, l-Accounts u l-Matematika kienu għal qalbi u kont nixtieq li nkompli nistudja għall-karriera.

Kont immur il-M.U.S.E.U.M. u hemm mhux biss kont nirċievi diversi tagħlim siewi imma kont ukoll għal qalbi. Fis-sixth form kien hemm grupp ta’ ħbieb u kont immur tajjeb magħhom ukoll. Biss, kien hemm xi ħaġa tberren fil-qalb tiegħi… tgħid il-Mulej iridni nservih fis-saċerdozju? Ma kinitx kwalunkwe mistoqsija imma kienet mistoqsija li tisfidani ħafna u għalhekk iddeċidejt li nfittex l-għajnuna. Kont nitkellem b’mod liberu u apert ma’ saċerdot għaliex kont inħossni li wasalt f’salib it-toroq u kull triq kienet tidher sabiħa.

Ħassejt li kelli nagħżel u li nibqa’ f’salib it-toroq ma kinitx għażla minnhom. Sintendi meta tagħżel li tibda triq, tħoss it-telfa tal-oħrajn, imma jekk veru dik tkun id-deċiżjoni ta’ ħajtek, tesperjenza wkoll il-paċi. Iddeċidejt li nagħmel sitt xhur naħdem f’kumpanija, fil-linja ta’ dak li kont nistudja għalih, u wara dan il-perjodu ddeċidejt li nibda l-proċess ta’ formazzjoni fis-Seminarju.  Malli bdejt is-Seminarju, ħassejt it-telfa ta’ dawk it-toroq u l-opportunitajiet li ħallejt warajja imma fl-istess waqt sibt il-paċi għax bil-mod il-mod bdejt niskopri li r-rieda ta’ Alla u r-rieda tiegħi qed jiltaqgħu flimkien. Meta bdejt is-Seminarju ma kelli ebda ċertezza li kont ser insir saċerdot; ridt infittex aktar fil-profond jekk Osmar għandux din is-sejħa. Kien hemm min qalli: “attent għax ser titlef iż-żgħożija tiegħek!” Imma jiena nħossni grat ħafna li dan kollu nista’ ngħixu f’relazzjoni ma’ Alla fil-mument sabiħ taż-żgħożija tiegħi.