Qed tonqsu Father”, issib min jgħidlek. Tassew veru li nqasna u l-agħar hu li dan in-nuqqas għad jinħass aktar fiż-żmien qarib. Tgħid għad ikollna innaqsu l-quddies u s-servizz lejn il-poplu t’Alla? Tgħid għad ikollna nimpurtaw vokazzjonijiet (seminaristi u qassisin) mill-kontinent Afrikan, jew dak Asjatiku bħal ma ġa qed jagħmlu ordnijiet reliġjużi femminili lokali? Tgħid għad ngħaqqdu d-djoċesijiet u l-parroċċi minħabba nuqqas akut?

Qed ngħixu fi żmien fejn l-impenn fit-tul sar xi ħaġa tal-qalbiena, u l-għażla tal-vokazzjoni m’għadiex għażla popolari. Il-mandat ta’ Kristu biex inkunu sajjieda tal-bnedmin, sar itqal: il-ħut it-tajjeb skarsa, m’għadniex nagħrfuh, nibżgħu noħorġu fil-fond, jew agħar minn hekk nistadu b’xibka mqattgħa. Dak li hu żgur hu li rridu nitolbu, u meta ngħid nitolbu qed ngħid ukoll li nwettqu dak li nitolbu; kulħadd bil-ħiliet u l-mezzi tiegħu. Dan għaliex l-aktar msejħa biex jitolbu huma dawk kollha li jemmnu li Alla jsejjaħ u li jipprovdi.

Hemm realtà oħra. Dik li xi ftit jew wisq tista tikkontribwixxi għall-iskarzezza tal-vokazzjoni u l-viżjoni saċerdotali hija r-raġuni għaliex ix-xibka qed tispiċċa mqattgħa:

Jien nifhem li “Qed tonqsu Father” tista tfisser ukoll li aħna bħala qassisin, mhux dejjem qed nagħtu eżempju tajjeb, eżempju li jqanqal u jispira ħaddiema ġodda fl-għalqa tal-Mulej, minn naħa l-oħra nifhem ukoll li Alla għandu l-mod ta’ kif jiddobba bina u jagħmel dak li hu impossibli possibli.

Qed tonqsu Father”, tfisser ukoll li aħna bħala Knisja għadna nirreżistu li nitgħallmu naħdmu flimkien. Il-Knisja Maltija, minkejja li għada għanja fir-risorsi umani u fl-entużjażmu, hija zoppa fl-aspett uman tagħha.  Fiha għad hemm elementi ta’ tribaliżmu u elementi ta’ gruppi distinti u separati. Nifhem ukoll li Alla, ir-Ras tal-Knisja, jagħti d-dawl u l-Ispirtu Qaddis tiegħU lil kull minn jitlobhulu. Mela nitolbu ukoll għall-ispirtu ta’ komunjoni u fraternita’ qaddisa.

Qed tonqsu Father”, timplika wkoll li bħala Knisja ninħlew f’titli u privileġġi li meta mdawwla fid-dawl qawwi tal-Evanġelju li jfejjaq, jikxfu nuqqas ta’ intenzjoni retta, u għażla preferenzjali għal dak li hu sewwa u għal dak li hu xieraq. Nagħraf ukoll li l-id moħbija t’Alla kapaċi b’ħafna paċenzja tgħallem it-triq tal-umilta’, li tgħin lill-bniedem jikber u jisbieħ mingħajr ma jinkwieta kif ser jidher fl-għajn tad-dinja, l-aqwa li quddiem Alla jkun magħruf u safi bħal tarbija f’ħoġor ommha.

Qed tonqsu Father”, sfortunatament turi wkoll li aħna Knisja li għada medhija bil-multiplikazzjoni tal-opri tal-arti, statwi, damask u bizzilla, li jtaqqlu u jixorbu l-enerġija, riżorsi, u ċ-ċarezza tal-qalb meta niġu msejjħa biex inwettqu l-opri tal-ħniena. Nitfarraġ li Alla l-awtur ta’ kull ma hu sabiħ u tajjeb għandu l-ħila tal-istatwarju, is-sengħa tal-ħajjat u r-reqqa tan-nissieġ, biex jerġa jlibbes l-għarusa tiegħu l-Knisja Maltija, b’dak iż-żelu jfuħ lejn l-erwieħ.

Inqasna Mulej, aħfrilna, nafu li l-qalb mċarta tas-Salvatur tagħna, hija għajn vera ta’ kull sejħa qaddisa, u tistedinna fuq kollox biex nemmnu li hemm dejjem it-tama. Alla ma jaqta’ qalbu qatt, u Alla ma jehda qatt jsejjaħ. Ftit ilu kelli x-xorti bla mistennija, li nidħol f’diskussjoni ma’ grupp ta’ żgħażagħ maturi fuq ħwejjeġ tar-ruħ. Il-preżenza t’Alla kienet qed taħdem u ħassejt li dan kien mument qawwi ta’ grazzja. Ftit tax-xhur ilu dan kien grupp ta’ ħbieb tipiku Malti: ġenwin, sabiħ, iħobbu l-kultura reliġjuża, iżda ftit kienu għadhom daqu l-preżenza t’Alla f’ħajjithom. F’teptipa t’għajn Alla nqeda b’ċirkostanza komuni għall-membri tal-grupp, biex għaqqad dak li ma kienx sħiħ, saffa dak li kien mudlam, u libbes dak li kien għeri. Alla biss kapaċi jaħdem b’dan il-mod.

Ħin minnhom wieħed minnhom b’ton serju ma qallix “Qed tonqsu Father”, imma kien aktar dirett. “Father jekk jispiċċaw il-qassisin, tispiċċa l-Knisja?” Ħasadni xi ftit. Qatt ma kont smajt din l-espressjoni mdommija b’dan il-mod. Jien weġibtu, biex nagħmillu l-qalb, li Alla jaf jieħu ħsieb hu, bil-mod tiegħU. Wara ftit silenzju ħassejt li għandi nagħmel pass ieħor bix-xibka fqira tiegħi. Għedtlu “titħajjar issir qassis?” Ma weġibnix, la qalli le u lanqas iva. Iż-żagħżugħ deher xi ftit sorpriż bl-istedina tiegħi, iżda deher jixtarr.

Jekk hu, bħal oħrajn qablu, jwieġeb iva, ikun għad jifdal qassisin Maltin fil-futur. Jekk le, nkunu pass eqreb lejn l-aħħar qassis Malti.

Dun Dunstan Xuereb – [email protected]

Artiklu ppubblikat fir-rivista R+M 2000 – Awwissu/Settembru 2020